Annimali Selvaġġi, Brazzuletta tal-Fidda u fl-Ispazju huma tliet kotba minn fost mitejn u sittin ktieb bil-Malti li l-istudenti jistgħu jibdew jaqraw fuq it-tablet tagħhom.
Il-kotba miktuba minn bosta awturi Maltin jinsabu fuq Octava, l-ewwel sistema diġitali ta’ kotba bil-Malti għat-tfal/ Din is-sistema magħrufa bl-isem Qari għall-Qalbi, għandha l-għan li tagħti opportunità unika lill-istudenti biex jaqraw aktar u jrawmu fihom l-imħabba għall-qari bl-ilsien li tatna ommna.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-iskola primarja tal-Belt, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li din is-sistema diġitali tagħmel parti mill-proġett One Tablet per Child. Dan ma jfissirx li l-kotba tradizzjonali mhumiex importanti. Anzi, il-Ministru Bartolo saħaq li f’dawn l-aħħar sitt snin, intbagħtu kwazi miljun ktieb fl-iskejjel u ntefqu aktar minn miljun u seba’ mitt elf ewro biex it-tfal jieħdu gost jaqraw.
ONE NEWS tkellem ma’ bosta studenti mill-kulleġġ San Ġorg Preca tal-Belt fejn esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li issa jistgħu jaqraw kotba bil-Malti anke permezz tat-tablet.
Is-sistema tipprovdi bosta karatteristiċi interattivi li jgħinu l-aċċessibilità fosthom l-għażla tat-tipa għat-tfal fosthom dik għat-tfal bid-dislessija.
Il-kotba kollha jinkludu wkoll l-awdjo biex l-istudenti jkunu jistgħu jisimgħu l-qari tat-testi b’mod espressiv. Għall-edukaturi s-sistema tipprovdi fost oħrajn rapport li joffri informazzjoni u stat dwar il-kotba moqrija mill-istudenti. Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li permezz ta’ dan il-proġett ko-finanzjat minn fondi Ewropej, l-istudenti se jiġu assessjati biex jinstabilhom il-livell tal-qari tagħhom u jiġu ppreżentanti b’kotba addattati għalihom.