Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat il-ftuħ tad-diskussjoni ta’ livell għoli organizzata mill-Fondazzjoni Diplo, msemmija ‘Emerging technologies: Preparing diplomats for 2030 and beyond’ waqt il-Konferenza ‘The Future of Diplomacy: Between continuity and change.’
Il-mistoqsijiet diskussi involvew ir-rwol ta’ teknoloġiji emerġenti, partikolarment ta’
intelliġenza artifiċjali, u kif nistgħu nippreparaw ruħna għall-futur.
Il-President stqarret li dawn is-suġġetti huma ċentrali f’dak li jagħmel il-bniedem dak li hu; li jkollu identità umana; li jgħix f’komunità etika ta’ individwi; u kif nistgħu ninteraġixxu f’netwerks
dejjem aktar kumplessi ta’ interdipendenza teknoloġika.
Il-President qalet li l-magni u l-intelliġenza artifiċjali qatt ma jistgħu jissostitwixxu l-uniċità tal-bnedmin, iżda madankollu, jistgħu jipprovdu appoġġ imprezzabbli u għarfien essenzjali, biex isostnu u jappoġġjaw proċessi ta’ paċi.
“Ta’ spiss, biex tinstab il-paċi, irridu negħlbu l-limitazzjonijiet tal-kultura, il-lingwa, u
fehmiet. Għal din ir-raġuni, irridu nkomplu nippromwovu sens ta’ unità” kkonkludiet il-President.