L-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-iżvilupp tal-estensjoni u l-konverżjoni tal-British Building ta’ Baċir Numru Wieħed f’Bormla li se jintuża bħala parti mill-kampus tal-American University of Malta.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-investituri tal-American University of Malta applikaw għall-estensjoni ta’ sular f’Baċir Numru Wieħed, bl-għan li din l-estensjoni tikkumplimenta l-post li qed jagħmel il-Kottonera wieħed mill-aktar postijiet attraenti.
Minbarra r-restawr tal-faċċata sħiħa tal-binja, is-sit storiku se jinbidel kompletament f’kampus modern. Is-sular ta’ isfel flimkien mal-kamra li kienet tintuża għall-makkinarju tal-baċir, fiż-żmien meta kienet għadha tintuża bħala tarzna, mistenni jilqa’ klassijiet, caffetteria, żoni ta’ rikreazzjoni u studios.
Is-sular il-ġdid, li jista’ jinbena issa li nħareġ il-permess, huwa maħsub biex jimla mill-ġdid partijiet mis-sular tal-istrurttura oriġinali li waqgħu biż-żmien, għaldaqstant mhuwiex se jaqbeż l-għoli tal-binja li hemm bħalissa.
Dan is-sular għandu disinn kontemporanju, magħmul fil-maġġoranza tiegħu mill-ħġieġ u l-azzar.
Mistenni jsir xogħol ukoll f’bini ieħor, iżgħar fid-daqs viċin il-British Building, li riċentament kien ingħata l-permess li jkun restawrat f’għassa tal-pulizija. Dan ukoll se jkun parti mill-kampus tal-American University of Malta.
Mal-ħruġ tal-permess, il-Board tal-Awtorità tal-Ippjanar imponiet lill-investituri jikkontribwixxu ħamsin elf ewro lill-lokalità ta’ Bormla biex jintużaw għat-titjib fil-lokalità.
Dan il-proġett huwa wieħed mill-ikbar proġetti fin-nofsinhar ta’ Malta f’ħafna snin, li diġa qed iħalli l-effetti mixtieqa hekk kif inhu rifless fil-mod ta’ kif l-propjetá f’din iż-żona qed tiġi rriklamata.