Minn din is-sena se jingħata tnaqqis fit-taxxa lil dawk il-kumpaniji li jipprovdu trasport b’xejn lill-ħaddiema tagħhom. Dan it-tnaqqis se jitla’ għal 150% tal-ispiża, sa massimu ta’ €35,000 fis-sena fil-każ ta’ kumpanija li tipprovdi dan is-servizz weħidha u sa massimu ta’ €50,000 fis-sena għal kull kumpanija li topera dan is-servizz bi sħab ma’ kumpanija oħra.
Filwaqt li dawk kollha li jagħlqu t-18-il sena matul l-2017 se jivvjaġġaw b’xejn fuq tal-linja billi jingħataw rifużjoni f’Tallinja card tagħhom.
Fil-baġit tas-sena l-oħra kien tnieda inċentiv għal dawk l-ażjendi li jinvestu f’bicycle racks ħalli l-impjegati tagħhom ikollhom fejn ipoġġu r-roti meta jużaw dan it-tip ta’ trasport biex imorru fil-post tax-xogħol. Din l-iskema se tiġi estiża din is-sena wkoll.