Minbarra siti ta’ Wirt Storiku Dinji, il-UNESCO tirrikonoxxi wkoll żoni ġeografiċi magħquda magħrufa bħala Geoparks – siti ta’ wirt ġeoloġiku, ambjentali, storiku u kulturali li jagħmlu parti mill-patrimonju dinji. Iżda fil-gzejjer Maltin u Għawdxin, qatt ma kien hawn sforzi biex ikunu identifikat dawn it-tip ta’żoni- s’issa.
Bil-għan li dawn is-siti potenzjali f’ Malta jkunu identifikati u rrikmandati kemm biex ikunu inklużi għall-UNESCO Geoparks Network globali, u kif ukoll bħala siti ta’ wirt Storiku Dinji, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, waqqaf Kumitat li għandu l-għan li jesplora territorji jew parks naturali li għandhom il-karatteristiċi meħtieġa għal dawn it-titli.
Il-Kumitat, li hu appuntat għal tlett snin, se jitmexxa mill-Professur Henry Frendo bħala Chairman. Frendo, li jokkupa wkoll l-irwol ta’ Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Malti għall-UNESCO, stqarr li siti potenzjali huma l-Park tal-Majjistral u d-Dwejra f’ Għawdex. Il-Membri l-oħra tal-board huma Catherine Tabone, Claudio Marciano Di Scala, Frank Zammit, Nathaniel Cutajar, Edward Gilson u Yanika Sammut.
Il-Professur Frendo fisser kif il-UNESCO Global Geoparks huma żoni ġeografiċi li għandhom siti u pajsaġġi ta’ sinifikat ġeoloġiku u li huma amministrati b’ kunċett ħolistiku ta’ protezzjoni, edukazzjoni u żvilupp sostenibbli. Wara li jkunu identifikati s-siti, il-Kumitat se jkollu l-irwol li jissorvelja l-iżvilupp tal-ewwel sit bħala Geopar sabiex ikun elenkat mill-UNESCO. Il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera stqarr li din l-inizjattiva qed issir biex ikunu salvagwardjati dawn is-siti li minkejja li għandhom potenzjal storiku u kulturali ma kienux apprezzati biżżejjed fil-passat.
Herrera fakkar kif għall-ewwel darba, l-gvern alloka fondi speċifiċi biex isiru l-istudji neċessarji u jkunu appuntati esperti li finalment għandhom iressqu r-rapporti tagħhom quddiem il-Kabinett.