Mistoqsija li mingħalina nafu nwieġbu imma fil-verità kemm verament nirrealizzaw?! Tiftaħ facebook biżżejjed inti biex moħħna jieħu rikba f’ ‘rollercoaster’ ta’ emozzjonijiet. Min igerger għax is-sħana, min igerger għax minħabba l-Covid, min igerger għax il-voucher għadu ma rċeviehx u min igerger għax ma riedx il-voucher u ried ħaġa oħra. Imbagħad tinbet il-mistoqsija: possibbli aħna veru ‘Maltese gemgem’? Imma mbagħad qisna nieħdu għalina għaliex xi ħadd jgħidilna hekk, iżjed u iżjed jekk din il-frażi jazzarda jgħidha politiku. Erħilna ntuh it-titli għax ma jmissekx titkellem hekk u int trid mill-poplu u sejrin u sejrin…
Daqqa fuq kwistjoni, daqqa fuq oħra, daqqa fuq xi jmissu għamel il-Prim Ministru u d-daqqa qed intuha lil moħħna u m’aħniex nindunaw. Flok infajru bl-addoċċ qisna lkoll mexxejja, mhux aħjar nikkalmaw u nibdew nitgħallmu nagħtu suġġeriment flok tgħajjirha? Mhux aħjar nitgħallmu ngħidu “Diġà hawn negattività biżżejjed fid-dinja b’ħafna kwistjonijiet dejjem għaddejjin filwaqt li jinbtu oħrajn ġodda ta’ kuljum, ejja nibdew nippruvaw niżirgħu ftit pożittività!” B’dan mhux infisser li noqogħdu għal kollox, imma nitgħallmu nispjegaw rwieħna, flok nitgħajru u nkunu mxejna bħan-nagħaġ ta’ bendu u naġixxu bħal ħafna li ta’ kuljum jagħmlu hekk mingħajr ma joffru soluzzjoni finali.
Lanqas irrid infisser li ċ-ċittadin m’għandux ikun kritiku għax malajr ikun hawn xi paladin u jinterpretaha kif irid hu din il-ftit kitba tiegħi. Il-libertà tal-espressjoni hija hemm u għandha tkun espressa fid-dinjità kollha tagħha. Imma mbagħad għandna nippruvaw insibu bilanċ. Inutli nibku kemm żdiedet il-problema tas-saħħa mentali, inutli nistagħġbu bis-soċjetà li tiela’ li ngħajruha kemm hi ingrata, inutli ngħidu kemm żdiedu d-drogi minħabba l-istress, kemm żdiedet il-pika, il-ġlied, l-iżbukkar, l-obeżità… jekk tul ġimgħa xogħol bil-‘weekend’ b’kollox ħlief stress ma narawx fuq il-mezzi tal-midja soċjali. Għax is-sabiħa hi, li meta jkun hemm xi ħadd iferraħna għax ikun ġej minn xi tip ta’ xoghol fis-soċjetà jew ikollu xi xogħol partikolari, flok ngħidu mnala kienet hi, malajr ngħadduha qorti fuq l-imbierek facebook u tispiċċa ‘headlines’ għal xi ħmistax.
X’ma jimradx moħħok?! X’ma timtelhiex b’nervi! U dan qed ngħidu għax inħossu spiss jien, li nuża l-midja soċjali bħala parti mill-ħidma tiegħi. Jaħraqni l-fatt li anke jekk tikteb xi ħaġa u ma jifhmukx il-ftit (għax il-ftit ikunu), lesti ruħek għal attakk u tgħajjir anke personali li mbagħad jiġbed miegħu lil dawk li ma jkunux qraw il-kontenut li tkun ktibt.
Il-punt tiegħi hu, li rridu nitgħallmu nikkalmaw. Irridu nitgħallmu nużaw moħħna u nagħżlu x’inhu validu u x’mhux. Irridu nagħrfu meta lsienha jikkmandana minħabba kulur politiku jew razza jew sesswalità ħalli ma nitfgħux ġebel fuq saqajna. Nafu biżżejjed aħna ta’ din il-ġenerazzjoni, li meta tkellimna pożittiv, irċevejna riżultati pożittivi. U dan għandu jkun eżempju wkoll għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Toqros, toqros, tagħfas u taħraq lil din il-biċċa laħam li tissejjaħ bniedem, fl-aħħar ħa tisplodi u x’se jkollna riżultat ta’ hekk f’idejna? Stress u aktar stress! Mela kkalmaw! U nieqaf neqred jien ukoll. Forsi din il-qirda ġiet mill-qalb għall-ġid biex forsi forsi, nindunaw x’qed noħolqu b’idejna!