L-iskema ta’ ħolqien t’uffiċċju f’Għawdex dik ta’ rilokazzjoni tan-negozju f’Għawdex huma żewġ skemi mill-Gvern li mistennija jinċentivaw aktar negozji joperaw minn Għawdex, biex fl-istess ħin jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.
Il-ħolqien t’uffiċċju f’Għawdex, b’ħaddiema Għawdxin ibbażati fil-gżira tat-tliet għoljiet hija miżura tal-budget għal din is-sena u se tinkoraġġixxi iżjed xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex. Kull kumpanija tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €35,000 fis-sena minn din l-iskema, fejn tingħata rifużjoni parzjali tas-salarju sa massimu ta’ €8,700 għal kull impjegat fuq medda ta’ 3 snin, skont il-paga tal-impjegat.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li -iskema l-oħra, dik ta’ rilokazzjoni tan-negozju f’Għawdex se tħeġġeġ mhux biss ħolqien ta’ impjiegi iżda anki tkattir ta’ investiment f’Għawdex.
Qal li dan mistenni jolqot kemm kumpaniji Maltin, kif ukoll kumpaniji internazzjonali.
L-iskema toffri għajnuna finanzjarja skont in-numru ta’ impjegati proposti, għall-ispejjeż tar-rilokazzjoni, li iżda ma taqbiżx it-€3,750.
It-tieni pakkett finanzjarju se jagħti appoġġ finanzjarji ta’ elf ewro għal kull impjegat elenkat fil-pjan ta’ rilokazzjoni tan-negozju, sa massimu ta’ €40,000.
“Nemmen li b’dawn il-miżuri se noħolqu numru ta’ impjiegi ġodda f’Għawdex imma se ninċentivaw ukoll lill-kumpaniji jagħmlu l-pass u jiftħu l-operat tagħhom f’Għawdex.”
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-impjegati rreġistrati sabiex iwasslu għal għotja finanzjarja jridu jkunu offruti kuntratt ta’ minimu ta’ 3 snin.