Wara li nieda b’suċċess numru ta’ standards fis-servizzi li jingħataw persuni b’diżabilità u standrds li jkopru l-qasam tal-addozzjonijiet, il-Ħamis il-Gvern nieda numru ta’ standards oħrajn għal konsultazzjoni pubblika, din id-darba fuq servizzi li jingħataw lil persuni mirkuba minn vizzji tad-droga, alkoħol u logħob tal-azzard.
Dawn tħabbru mill-Ministru għall-Familja Michael Falzon.
“Qed nibnu fuq is-suċċess li diġà kellna fil-qasam tad-diżabilità u addozzajonijiet. Wasalna bi ftehim ma stakeholders u llum poġġewhom in place. Qed nibagħtu messaġġ ċar tal-impenn soċjali tal-Gvern, anke fejn tidħol il-problema tad-droga, u aħna lesti nagħtu t-tieni u t-tielet ċans lil dak li jkun.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-iStandards ta’ Ħarsien Soċjali li qed tmexxi l-konsultazzjoni, Matthew Vella, qal li dawn se jippermettu biex dawk li jagħtu s-servizz iħaddmu l-potenzjal kollu tagħhom.
“Minn dalgħodu stess id-dokumenti qegħdin online fuq is-sit tagħna. Hemmhekk il-pubbliku jista’ jaċċess dawn u jipparteċipa. Aħna nixtiequ li n-nies jipparteċipaw għaliex irridu feedback mingħand il-professjonisti u persuni li għaddew minnhom. Irridu li dawn l-istandards iħallu mpatt fuq il-ħajja tal-individwi.”
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ Lulju, u s-suġġerimenti se jintlaqgħu fuq is-sit feedback.scsa@gov.mt.