Id-Dipartiment tal-Occupational Therapy fl-isptar Monte Carmeli qed jagħmilha possibbli biex pazjenti li jkunu għaddew u jinsabu għaddejjin minn mard mentali jingħataw id-dinjità li tixirqilhom. Fost oħrajn qed jgħinhom isibu xogħol.
Fl-aħħar xhur, sitt pazjenti ngħaqdu fi proġett ta’ Supported Employment u sabu impjieg barra Monte Carmel. Issa dawn il-pazjenti ilhom xhur jaħdmu. Fl-aħħar snin, dawn l-istess pazjenti ngħataw kura fl-Isptar Monte Carmeli, u waqt dan il-perijodu kellhom impjieg żgħir fl-Isptar Monet Carmeli stess, taħt ir-Rehabilitation Scheme.
Occupational Therapists mill-Isptar Monte Carmeli qalu li permezz ta’ din l-għajnuna, pazjenti huma ferm aktar indipendenti.
Jgħinu lill-pazjenti jiksbu ħiliet bażiċi, bħal li jimlew CV u li jkunu jafu x’għandhom jagħmlu waqt interview.
It-terapisti spjegaw li kellhom pazjenti li kienu jqattgħu ġranet sħaħ bil-pygama, iżda llum qed jgħinu fihom infushom, u l-kundizzjoni mentali tagħhom tjiebet sew.
Pazjenti li qegħdin jieħdu kura permezz tal-Occupational Therapy jitgħallmu ħiliet oħra, bħall-ħjata, pittura, daqq ta’ strumenti mużikali u kif jagħmlu crafts. Ix-xogħolijiet tagħhom ikunu eżebiti waqt fiera li ssir f’Monte Carmeli.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-kura għal mard mentali mhix biss mediċina u kura fl-isptar, iżda hija mifruxa ferm aktar. Huwa hawnhekk li jidħol ir-rwol tal-Occupational Therapy.
“Għandna pjan biex il-mard mentali ma jibqax xi ħaġa tal-mistħija, iżda li jkun trattat daqs kull mard ieħor. Għalhekk fost il-pjanijiet tagħna għal dan is-settur għandna l-bini ta’ sptar akut għal mard mentali, kif ukoll pjanijiet biex inkomplu l-ħidma tagħna biex niftħu aktar hostels fil-komunità flimkien mal-NGOs, biex dejjem ngħinu aktar pazjenti jgħixu ħajja indipendenti,” temm jgħid il-Ministru.