Għat-tieni sena konsekuttiva, Malta se tipparteċipa fil-Biennale ta’ Venezja.
Opportunità mifruxa fuq sitt xhur bejn Mejju u Novembru biex artisti minn kull rokna tad-dinja, jesebixxu l-arti tagħhom f’Venezja.
Iżda din id-darba dan l-avveniment iżzewweġ ma’ proġett edukattiv tat-tfal – imsejjes fuq l-aspirazzjonijiet tat-tliet artisti Maltin li se jieħdu sehem f’Venezja.
It-tfal qed jipparteċipaw f’dan il-proċess kreattiv permezz tat-tafal, u l-ewwel workshop ittella’ f’Għar Dalam mill-istudenti tas-sitt sena tal-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar.
It-tfal qalu: “Qed nagħmel denb ta’ volpi fuq l-art ta’ Għar Dalam għax inħobb ħafna l-volpi u ħsibt li idea tajba.”
“Jien qed nagħmel Għar Dalam.”
“Jien qed nagħmel snowman u vulkan.”
“Għandna għadma u ippopotamu u ħdimna flimkien u ħarġet forma tidher xi ħaġa.”
Il-Biennale tal-Arti Venezja hija waħda mill-akbar wirjiet tal-arti kontemporanji fid-dinja, u Malta wara nuqqas ta’ bosta snin, se terġa’ tipparteċipa bil-Padiljun tagħha matul it-tmienja u ħamsin edizzjoni ta’ din il-wirja internazzjonali.
Il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici tenna l-importanza li din ma tkunx biss esperjenza mill-ftit għall-ftit.
“Iffukajna fuq it-tfal il-ġenerazzjoni li jmiss biex nippromwovu bl-għajnuna ta’ ħafna nies din l-aspirazzjoni artistika u jiġu hawnhekk f’Għar Dalam per eżempju u jagħmlu t-tafal u affarijiet li huma għal qalbhom u naħseb dan huwa pass ’il quddiem biex il-kultura nkomplu nferrxuha għand iktar nies,” qal il-Ministru.