Għaddewha minn martirju u wara li kien ħaddieħor li solva d-dwejjaq li kienet għaddejja minnu riduha tmur id-Dar Ċentrali biex jitolbuha apoloġija.
Din hi l-istorja ta’ Joanne Cassar, il-persuna transgender li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti spiċċat il-Qorti għax riedet tiżżewweġ. Titkellem dwarha f’pubblikazzjoni ġdida ta’ Simon Bartolo bl-isem A Seat At The Table. Pubblikazzjoni li titkellem ma’ diversi persuni dwar il-bidliet li pajjiżna għadda minnhom fl-aħħar snin b’rabta mad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ. Cassar tkellmet ħafna dwar kif Gvern Ġdid Laburista tal-2013 waqqa’ b’mod immedjat kawża li kienet spiċċat quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Anke għax wara li f’Malta rebħet id-dritt li tiżżewweġ fl-ewwel qorti tilfet l-appell li kien għamlilha Gvern Nazzjonalista.Iżda, il-bidla fil-Gvern kienet ġabet bidla f’ħajjitha u fil-ktieb ta’ Simon Bartolo tgħid li tibqa’ grata għal dejjem lil Joseph Muscat, Prim Ministru filwaqt li tqis lil Helena Dalli, il-Ministru għad-Drittijiet Ċivili bħala t-tieni omm tagħha.
Tgħid li wara li dawn solvew il-problema tagħha u saħansitra bidlu l-liġi, ċemplitilha d-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li infurmatha li l-Partit Nazzjonalista riedu jitolbu apoloġija u għalhekk xtaquha li tattendi biex tirċievi l-apoloġija personalment.
Joanne Cassar tgħid li apprezzat il-ġest iżda insistiet li jekk tassew riedu jiskużaw ruħhom kellhom imorru huma d-dar tagħha u mhux jippretendu li hi tmur f’tagħhom. Qalet ukoll li l-kumepns finanzjarju li tatha t-tmexxija ġdida tal-pajjiż kellu jingħata wkoll mill-Partit Nazzjonalista li wara kollox kien dak li għaddiha minn diffikultà. “Dan qatt ma ġara,” jikteb l-awtur li jgħid li l-iktar mument ta’ kburija għal Joanne kien meta ngħatat l-unur prestiġjuż ta’ Ġieħ ir-Repubblika biex l-Istat Malti rrikonoxxa d-determinazzjoni u l-perseveranza tagħha.