L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qal li ma ma jistax konklussivament jaċċerta li l-valur tal-fondi investiti fis-servizz tat-trasport tal-iskejjel tal-Gvern qed jintlaħaq b’mod sħiħ.
F’rapport li l-iSpeaker poġġa fuq il-mejda tal-Kamra, n-NAO qal li dan is-servizz, mogħti mill-Gvern bla ħlas, għandu mportanza soċjali. Jiswa madwar €6.1 miljun fis-sena,u hu provdut permezz ta’ ħames kuntratti ta’ xogħol mis-settur privat, liema kuntratti huma amministrati mill-Education Logistics and Support Unit (ELSU) fi ħdan il-Ministeru għal-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE).
L-NAO innota li l-mod ta’ kif huma miktubin il-kuntratti li jiggvernaw dan is-servizz jipproġetta sens ta’ klemenza eċċessiva lejn il-kuntratturi, filwaqt li jpoġġi lill-Gvern f’pożizzjoni dgħajfa meta jiġi biex jirregola s-servizz kif ukoll meta japplika penali għal prestazzjoni insodisfaċenti.
L-istudju wkoll sab li r-rapporti li jiġu kompilati mill-iskejjel kull xahar mhux dejjem ikunu komprensivi fir-rendikont tagħhom. L-importanza ta’ din il-konsiderazzjoni tissaħħaħ meta wieħed iqis li dawn ir-rapporti huma s-sors ewlieni li fuqhom huma bażati l-pagamenti għas-servizz, kif ukoll il-kalkoli tal-penali applikabbli.
Dan l-Uffiċċju wkoll innota numru ta’ każijiet fejn ma nstabitx dokumentazzjoni li tixhed li ċertu rotot ikunu fil-fatt saru. Speċifikament, l-NAO sab diskrepanzi fejn rotot ikunu inklużi fil-pagamenti fl-istatements of accounts preparati mill-MEDE stess, iżda ma jkunux imniżżla fir-rapporti tal-iskejjel rispettivi.
Filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi li dan mhux neċessarjament jimplika li dawn ir-rotot ma jkunux saru, xorta jikkontendi li din is-sitwazzjoni negattivament timpatta b’mod qawwi fuq il-kompletezza u t-trasparenza tal-proċess li bih jiġu affettwati l-pagamenti.
L-Awditgur Ġenerali Charles Deguara għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex l-affarijiet jirrangaw.
Ir-rapport sħiħ wieħed jista’ jarah fis-Sit Elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: http://www.nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.