Il-Partit Laburista laqa’ b’sodisfazzjon il-parir tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-każ imressaq mill-Kummissjoni Ewropea fil-konfront tal-Gvern Malti fuq il-qafas leġislattiv taċ-ċittadinanza b’investiment.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Gvern Malti minn dejjem irribatta din l-allegazzjoni u saħaq li l-kriterji dwar l-għoti taċ-ċittadinanza huma fid-diskrezzjoni assoluta ta’ kull Stat Membru. L- AĠ tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel mal-argumenti tal-Gvern Malti u ta l-parir tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.
Ġie nnotat kif huwa ta’ dispjaċir li matul is-snin il-Partit Nazzjonalista għamel kampanja mhux biss lokali, iżda wkoll internazzjonali, sabiex jattakka lil pajjiżna u biex iħammeġ isem Malta barra minn xtutna, biex jipprova jikseb gwadann politiku u jipprova jtappan ir-reputazzjoni ta’ Malta, u jnaffar l-investiment u t-tkattir tal-ġid ekonomiku.
Il-qafas ta’ ċittadinanza b’investiment kien kruċjali biex il-Gvern Laburista għen f’diversi oqsma, fosthom dawk soċjali, tas-saħħa, kif ukoll lill-ħaddiema u lin-negozji fi żmien il-Covid.
Tajjeb wieħed jinnota li l-opinjonijiet tal-AĠ huma konsultattivi u ma jorbtux legalment lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Partit Laburista appella għal politika fl-aħjar interessi ta’ Malta, imsejsa fuq il-fatti, mhux il-gwadann politiku.
Il-Partit Laburista appella wkoll sabiex ma jerġax ikun hemm istanzi oħra bħal dawn, li bil-għan li jintrebħu xi ftit punti politiċi, isir attakk fuq Malta, fuq is-sovranità tagħha, u anke fuq l-investiment f’pajjiżna.