Ilbieraħ fil-Parlament, il-poplu kellu konferma oħra, mhux għax qatt kellu dubju, li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil għad għandu ħakma qawwija fuq il-PN.
Ilbieraħ fil-Parlament, biex jintgħoġob ma’ Simon Busuttil, għax obbligat lejh talli kien wieħed mill-perċimes meta tqaċċtet ras Adrian Delia minn Kap u tpoġġa hu minfloku, Bernard Grech ivvota kontra l-ħaddiema.
Dak li seħħ ilbieraħ fil-Parlament huwa eżempju ieħor tal-politika kattiva li timxi biha l-Oppożizjoni Nazzjonalista. Tal-PN riedu jkeċċu lill-GWU mid-dar tagħha fil-Belt Valletta.
Fl-2017, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-grupp parlamentari kien fetaħ kawża kontra l-GWU għall-iżgumbrament mill-proprjetà tagħha, talli kisret l-att enfitewtiku li iżda dan l-att kien miċħud mill-Qorti ta’ Malta. Wara l-kawża, il-GWU talbet lill-Gvern biex jemenda l-kuntratt, bi prezz stabbilit u skont il-prattiċi, filwaqt li l-union għarfet li issa kellha tħallas lill-Istat, ħlasijiet għall-kiri tal-imgħoddi.
Il-GWU se tħallas €1.99 miljun lill-Istat biex tinħeles minn parti minn din il-kundizzjoni, ċifra li tirriżulta mill-valutazzjoni ta’ perit indipendenti fuq il-valur tal-proprjetà immobbli u kirjiet tal-passat.
L-emenda se tippermetti lill-GWU tuża aħjar parti mill-WMB biex issosstni l-operat tagħha.
Permezz ta’ sullokazzjoni tal-partijiet tal-WMB mhux utilizzati, lil entitajiet kummerċjali, l-Istat qed jippermetti lill-union tissalvagwardja l-operat tagħha biez iżżomm il-missjoni storika tagħha li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema.
Imma dan mhux biżżejjed għall-PN. Irid jipprova jeqred lill-akbar trade union f’pajjizna.
Lill-GWU, il-PN qatt ma ħamilha. Storikament dejjem prova jkissirha. Ilbieraħ, fil-Parlament, għamel tentattiv ieħor f’dan ir-rigward. Imma baqa’ ma’ wiċċu.
Gvern Laburista mhux se jippermetti lill-Partit Nazzjonalista u l-fazzjoni estremista li ħakmitu, tgħaddi romblu minn fuqu u teqred trade union li tħares l-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Kien għalhekk li lbieraħ, fil-Parlament, Gvern Laburista vvota favur il-ħaddiema.