Ħmistax-il għalliem Malti issa huma kkwalifikati biex fl-iskejjel rispettivi tagħhom imexxu programmi hekk imsejħa Reading Recovery. Dan huwa huwa programm tal-litteriżmu maħsub għal studenti ta’ sitt snin li jkun għadhom ma tgħallmux jaqraw.
Il-programm jgħin lil dawn l-istudenti jilħqu l-livell mistenni minnhom fil-qari u l-kitba fi żmien għoxrin ġimgħa, fejn huma jkunu attendew għal madwar mitt sessjoni individwali u maħdum apposta għall-istudent.
Tul is-sena skolastika li għadh kif spiċċat, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu daħlet dan il-programm f’disa’ skejjel primarji madwar il-pajjiż biex l-għalliema jitħarrġu fih. Dawn jistgħu jagħżlu bejn kors f’livell postgrad jew kors ieħor f’livell maġisteru, li bħalissa isegwuh seba’ għalliema oħra.
Dan kollu qed isir b’kollaborazzjoni ma’ University College f’Londra.
Waqt li aktar kmieni din il-ġimgħa ngħata rikonoxximent mill-Gvern lill-għalliema li temmew wieħed minn dawn il-korsijiet b’suċċess, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo tkellem dwar l-importanza li nindirizzaw il-bżonnijiet individuali tat-tfal għax in-nuqqas ta’ dan jista’ jħalli effett negattiv fuq il-kunfidenza tagħhom. Qal ukoll li dan il-programm qed jindirizza l-problema tal-illitteriżmu minn età żgħira għax huwa msejjes fuq studji li juru li ż-żmien u l-intensità tat-tagħlim tassew jagħtu r-riżultati mixtieqa.
Dr Sue Bodman, li tmexxi l-programm ta’ Reading Recovery fl-Ewropa, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod kif dan il-proġett laqqa’ ħafna nies flimkien u ta appoġġ kbir lit-tfal li ħadu sehem.
Min-naħa tiegħu, David Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, spjega li l-għan għas-sena skolastika li ġejja hija li jkun hemm 32 għalliem jitħarrġu f’dan is-suġġett biex ħafna aktar studenti li s’issa għadhom ma tgħallmux jiktbu u jaqraw jingħataw l-attenzjoni li għandhom bżonn minn persuni mħarrġa.