- Aġġornat: Stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista
Fost ħafna għajjat, storbju u aggressività li issa drajna narawha mill-esponenti kollha tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista tant lis-seduta Parlamentari kellha tiġi sospiża għal xi ħin, il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ħarab milli jwieġeb fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li fiha l-istess Awditur talab li Jason Azzopardi jerfa’ r-responsabiltà.
Minflok wieġeb għal żewġ rapporti li kkundanaw lil Azzopardi għal nuqqas ta’ trasparenza, nuqqas ta’ governanza u dubbji kbar fuq it-trasferiment ta’ żewġ propjetajiet, Fenech Adami ħareġ jgħajjar lil kulħadd. Ironikament fl-istess ħin li kien qed jgħajjat u jitmasħan, għadha għaddejjha investigazzjoni dwar kumpanija li fiha huwa nvolut u li hija assoċjata ma’ traffikar ta’ drogi u ħasil ta’ flus.
L-Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil li trid titkellem fuq kollox u fuq kulħadd, ma tħalliex imma li toħroġ il-verità dwar każijiet bħal ta’ Jason Azzopardi u bħal ma seħħ fil-Parlament ftit tal-ħin ilu, tirrikori anke għall-agressività isterika u inspjegabbli biex tostor milli toħroġ.
Aktar qabel: B’ton agressiv, Beppe Fenech Adami qam jitkellem fil-Parlament u beda jgħajjar lil kulħadd korrott. Dan għall-mistoqsija sempliċi tal-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, li staqsa lill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista jekk kienx se jieħu xi passi fil-konfront tad-deputat Jason Azzopardi, wara r-rapporti tal-Awdituri Ġenerali.
Iżda minflok wieġeb il-mistoqsija, Beppe Fenech Adami qam jgħajjat u jipponta subajgħ lejn kulħadd b’ton mill-iktar agressiv u ta’ konfrontazzjoni.
“Naf li l-verità tweġġa’, imma ma kontx naf li tweġġa’ daqshekk,” wieġeb l-Ministru Bonnici b’kalma u konvinzjoni. Bonnici fakkar li r-rapporti tal-Awdituri Ġenerali huma serjissimi.
“Art spiċċat għand benefattur tal-Partit Nazzjonalista biċ-ċiċri. L-Awditur Ġenerali jgħid li għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika Jason Azzopardi,” qal Owen Bonnici bil-membri tal-Partit Nazzjonalista jireaġixxu b’għajjat, storbju u konfużjoni fil-parlament. Dan wassal biex l-ispeaker jissospendi l-kamra.