Il-kumpanija tal-eSports, Quickfire, laqgħet l-impenn tal-Gvern li jagħti spinta bis-saħħa lis-settur tal-eSports f’pajjiżna.
Quickfire timpjega tliet persuni u twaqqfet fl-2007. Is-sena l-oħra saret parti ntegrali minn kumpanija rinomata fil-qasam tal-ospitalità u d-divertiment.
Ma’ ONE News, il-Kap Operattiv tal-kumpanija Quickfire Nicolai Gauci esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-impenn li wera l-Gvern fil-budget għas-sena d-dieħla:
“Dan huwa pass importanti ħafna għal din l-industrija. Irridu noqgħodu attenti, ma ngħaġġlux fl-affarijiet. Hija kbira, għadha qed tikber, diġà qedgħin juru madwar id-dinja li hija ndustrija fejn ħa tespandi u ħa tespandi tajjeb”.
Is-settur tal-eSports evolva minn gruppi żgħar ta’ nies li kienu jiltaqgħu biex f’ambjent kompettitiv, jilagħbu logħob tal-kompjuter kontra xulxin. Fi ftit snin dan is-settur sploda biex fix-xena internazzjonali huwa stmat li jiswa l-biljuni ta’ dollari.
Iżda, is-Sur Gauci jispjega li dan is-settur imur lil hinn minn sempliċiment logħob bil-kompjuter. Dan hekk kif għandu l-potenzjal li minbarra joħloq niċċa ekonomika ġdida, niċeċ eżistenti bħall-ospitalità u t-turiżmu jieħdu spinta oħra fin-negozju tagħhom:
“M’aħniex nitkellmu biss fuq logħob bħala video gaming imma jinvolvu karrieri differenti. Għandek ix-xogħlijiet fejn inti tista’ timpjega n-nies, investimenti kbar li tista’ tressaq lejn il-pajjiż. Għandek it-turiżmu, għandek avvenimenti”.
Wara s-suċċess ta’ pajjiżna li jattira investimenti fil-qasam tal-iGaming u tal-blockchain, l-impenn tal-Gvern fl-eSports se jwassal biex tinħoloq niċċa ekonomika oħra li se tikkumplimenta s-setturi eżistenti:
“Meta titkellem fuq iGaming, meta titkellem blockchain kulħadd qiegħed jara l-eSports bħala parti min-negozju tagħhom, parti mill-industrija tagħhom ukoll. Allura nemmen ħafna li dan hu pass importanti ħafna li qed jgħaqqad din l-industrija ma’ dak il-ħsieb, dak il-pjan li għandu n-negozju tal-iGaming u tal-blockchain”.
Wara s-suċċess fit-tragward li Malta ssir il-gżira tal-blockchain, is-Sur Gauci jittama li fil-futur, Malta tista ssir ukoll il-gżira tal-eSports:
“Dan huwa pass li jrid jittieħed b’għaqal, irid jittieħed b’għan wieħed sabiex jasal żmien li malli ssemmi eSports, Malta tiġi f’ħalq in-nies awtomatikament”.