Niskopru x-Xlokk ta’ Malta- it-tema li fuqha nbena simpożju akkademiku minn Wirt iż-Żejtun, li laqqa’ d-diversi identitajiet ta’ dan ir-reġjun ta’ pajjiżna. Reġjun li bil-mod qed jidħol fil-kultura turistika bħala iktar minn sempliċiment Marsaxlokk u Għar Dalam.
Kull ma jmur, ir-reġjun li jħaddan diversi rħula tipiċi Maltin fosthom iż-Żejtun, Marsaxlokk, u Birżebbuġa, qed juri l-identita Maltija iktar minn qatt qabel. Identita li għandha tkun iċċelebrata fil-qasam turistiku.
Magħrufin bħala poplu li jħobb żaqqu, f’reġjun Mediterranju magħruf għall-ikel, il-gastronomija kienet protagonista fid-diskussjonijiet tas-Sibt. Hawnhekk issemma kif ix-Xlokk ta’ Malta għadu jħaddan prattiċi tal-ikel li dari kienu popolari, bħall-industrija tal-ħalib u l-irkotta, il-fran tal-ħobż u il-ħelu, u l-iktar ta’ benefiċċju għas-saħħa, iż-żejt taż-żebbuġ Malti.
Ma ninsewx ukoll il-wirt naturali li pajjiżna joffri lit-turisti, wirt li se jiġi kkonservat fil-Park tal-Inwadar li se jgħatti l-kosta xlukkajra. Fis-simpożju ssemmiet ukoll il-possibilta ta’ parks naturali anke fl-inħawi ta’ Għar Dalam, sit li diġa huwa magħruf mat-turisti għall-Istorja naturali ta’ Malta.
Kollha diskussjonijiet bil-għan li x-Xlokk jesperjenza benefiċċji ekonomiċi li jħallu warajhom it-turisti li jissaħħru wara l-Istorja u l-kultura ta’ dan ir-reġjun ta’ pajjiżna.