L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ħarġet stqarrija dwar ritratti li jitpoġġew fuq il-media jew il-media soċjali dwar ħaddiema li jkunu qed jaħdmu b’mod perikoluż. Dan diġa’ għamlitu ftit tal-ġimgħat ilu.
Din id-darba l-OHSA qalet li għalkemm hemm min qed jinforma lill-OHSA qabel imur għand il-media, għad hemm nies li għalihom huwa aktar importanti li joħolqu sensazzjoni milli jevitaw traġedji. Dan qed iwassal sabiex ħaddiema qed jibqgħu jitħallew jaħdmu fil-periklu bla bżonn.
Wieħed japprezza li l-uffiċċjali tal-OHSA ma jistgħux ikunu f’kull post tax-xogħol f’Malta u Għawdex f’kull ħin. Għalhekk jekk xi ħadd jinduna b’xogħol perikoluż għandu jinforma lill-OHSA fuq 21247677 (inkluż is-Sibt, il-Ħadd u fil-festi). Dan jista’ jsir b’mod anonimu u b’hekk m’għandux ikun hemm biżà li xi ħadd se jiġi mistoqsi juri minn hu.
“Meta wieħed iċempel lill-OHSA, ikun ċert li f’każ ta’ periklu, se tittieħed azzjoni b’mod immedjat. Telefonata, anke wara l-ħin tax-xogħol, tista’ ssalva ħajja ta’ bniedem. Din hija aktar effettiva milli wieħed jibgħat messaġġ fuq il- media soċjali.Għalhekk nappellaw mill-ġdid għall-għajnuna tal-pubbliku f’dan ir-rigward. Kontra dak li xi drabi jinstema’ jew jinkiteb f’kummenti fuq siti differenti, l-uffiċċjali tal-OHSA ta’ kuljum ikunu qed iduru postijiet tax-xogħol differenti ,” qal Dr Mark Gauci, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA.
Inċidentalment, bejn Jannar u Awissu ta’ din is-sena, l-OHSA għamlet madwar 2,400 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol differenti li fil-maġġoranza tagħhom wasslu biex jinħarġu ordnijiet biex tittieħed azzjoni minn min għandu dak l- obbligu. Kważi nofs minn dawn l-ispezzjonijiet saru f’siti ta’ kostruzzjoni.
L-OHSA ħarġet ukoll 243 ittra ta’ penali amministrattivi li fihom ikun inkluż kull kontravenzjoni li jkunu nnotaw l- uffiċċjali tas-saħħa u s-sigurtà waqt l-ispezzjonijiet tagħhom. B’hekk persuna tista’ teħel numru ta’ multi fl-istess ittra li tirċievi, skont il-każ. Matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, il-multi li ġew maħruġa jammontaw għal €106,400. Dan l-ammont jista’ jiżdied hekk kif jingħalqu aktar investigazzjonijiet li jkunu nbdew mill-OHSA.
L-operat tal-OHSA ma jinkludix biss spezzjonijiet iżda jkopri wkoll l-ipproċessar ta’ numru sostanzjali ta’ ċertifikati ta’ liftijiet, l-organiżżar ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ, l-ogħti ta’ informazzjoni fuq mezzi tal-medja, l-organizzar ta’ seminars u konferenzi kif ukoll esebizzjonijiet u għoti ta’ informazzjoni f’kumpaniji u postijiet tax-xogħol varji. Din il- ħidma qed tkompli tgħin fit-tnaqqis fir-rati ta’ korrimenti u mwiet fuq ix-xogħol, għall-benefiċċju tal-ħaddiema, ta’ dawk li jħaddmu, tal-ekonomija u tas-soċjetà in ġenerali.