Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima teħtieġ bidla fil-ħsieb, biex mill-ekonomija tradizzjonali mmorru għal waħda aktar sostenibbli, tgħid l-MEP Laburista Miriam Dalli f’konferenza fi New York.
Biex niġġieldu l-impatti tal-bidliet fil-klima, neħtieġu bidla fil-mentalità, li twassal għal evoluzzjoni minn mudell ekonomiku tradizzjonali għal wieħed sostenibbli. Dan sostnietu l-Viċi President tal-S&D Miriam Dalli waqt konferenza fi New York.
Waqt dibattitu mtella’ mill-Fondazzjoni għall-Istudji Progressivi Ewropej (FEPS), Miriam Dalli appellat għal bidla fl-imġieba tagħna u titjib fil-mod li biħ joperaw diversi industriji.
“Il-bidla fil-klima qed taffettwana lkoll. Ejja ninċentivaw imġieba li twassal biex nilħqu miri stabbiliti, inkluż mobilità aktar nadifa fis-setturi kollha; fit-trasport, fl-avjazzjoni u fis-settur marittimu. L-intrapriżi żgħar u medji għandhom rwol kruċjali ukoll, billi joffru servizzi u prodotti aktar ekoloġiċi,” qalet Miriam Dalli.
“Għandna bżonn nibdlu l-mudelli ekonomiċi tradizzjonali tagħna f’oħrajn sostenibbli u ekoloġiċi, li joħolqu impjiegi ġodda.”
Miriam Dalli qalet li l-klima m’għandhiex titqies bħala piż finanzjarju iżda bħala opportunità għal mudell ekonomiku ġdid li jinċentiva komunitajiet sostenibbli, l-innovazzjoni, industrija aktar nadifa u infrastruttura aħjar. Fil-Parlament Ewropew, Dalli qed tinsisti biex ikun hemm tranżizzjoni effettiva f’dan is-sens għall-ħaddiema, kumpaniji u ċittadini.
Meta ltaqgħet mal-attivista dwar il-klima Greta Thunberg fil-Parlament Ewropew ħames xhur ilu, Dalli insistiet li żgħażagħ ta’ 16-il sena għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw. Fi New York, tenniet li “iż-żgħażagħ jixirqilhom kemm l-ispazju biex jitkellmu u l-opportunità li jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.”
Nhar il-Ġimgħa, Miriam Dalli ngħaqdet ma’ eluf oħra fi protesta kontra t-tisħin fil-klima, hekk kif mexxejja globali qed jiltaqgħu waqt Summit tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Azzjoni dwar it-Tisħin fil-Klima, bil-għan li tkun faċilitata azzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan il-ftehim għandu l-għan li jillimita ż-żieda globali fit-tisħin fil-klima b’1.5 gradi, sabiex ikunu evitati l-aktar effetti devastanti tal-bidla fil-klima.