Daqs erba’ sekli u nofs ilu niddefendu gżiritna bil-kanuni u x-xwabel mid-dagħdigħa li tefgħu fuqna t-Torok u llum niddefendu l-assi diġitali tagħna b’mod virtwali u teknoloġiku.
Propju fil-Forti Sant’Anġlu li żamm sod għal ħbit, wieħed wara l-ieħor, il-MITA nediet it-tieni fażi tal-kampanja tagħha dwar is-sigurtà diġitali.
Din il-kampanja trid tolqot mhux biss liċ-ċittadini li ta’ kuljum jagħmlu użu mit-teknoloġija fuq l-internet iżda anki hija mmirata għal min iħaddem negozju jew għandu xi intrapriża.
Hawnhekk sar appell qawwi biex f’ġieh is-sigurtà diġitali, nipproteġu l-użu tat-teknoloġija u nużawha għal gwadann tagħna.
Il-Kap tal-Informazzjoni tas-Sigurtà fi ħdan il-MITA, Ephrem Borg, saħaq dwar din il-kampanja biex ikun hawn aktar għarfien:
“It-tieni fażi hija iktar intensiva, iktar ffukata. Qegħdin nużaw aktar mezzi tradizzjonali; billboards, televiżjoni, radio, adverts. Ħa nkunu qed nisimgħuhom fil-jiem li ġejjin pero qed nużaw ukoll, qed nippruvaw nembedjaw il-messaġġ sottilment, fil-ħajja ta’ kuljum tal-persuni.”
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia saħaq kif il-kunċett tas-sigurtà diġitali twessa’ u korpi dixxiplinati bħal pulizija u l-armata qed jitħarrġu f’dan il-kuntest ukoll:
“Qed nagħmlu anki taħriġ lil dawn il-persuni. Kif jistgħu jilqgħu minn attakki li jistgħu jsiru, kif ukoll kif jirreaġixxu u anki kif joħorġu mill-ewwel ħalli jmorru għan-normalità u jkunu jistgħu jkunu ta’ servizz għall-pajjiż u għat-tisħiħ tal-ekonomija.”
Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni Silvio Schembri saħaq li f’dinja fejn ix-xiri online u l-użu tal-midja soċjali huma parti mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin, din il-kampanja qed tkun aktar effettiva:
“Jiġifieri l-informazzjoni u t-teknoloġija llum saru xi ħaġa importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum. U allura din il-kampanja, kampanja edukattiva sabiex naraw kif inti tkun tista’ tkun ċittadin aġġornat sew fuq il-ħajja diġitali wkoll.”