“Irridu bidla fis-settur marittimu. Irridu nkissru l-isterjotipi marbuta ma’ dan is-settur biex verament ngħarfu l-potenzjal qawwi li għandhom in-nisa biex jikkonbtribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija blu”.
Qalet dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli fl-indirizz tagħha lil numru ta’ studenti, professjonisti, u baħħara nisa minn madwar id-dinja waqt konferenza fl-Istitut tal-Liġi Marittima fl-Università ta’ Malta.
Il-Minsitru Dalli fakkret kif f’Ottubru li għadda, Malta ferħet mal-ewwel tliet kaptana nisa, iżda t-triq ‘il quddiem lejn ugwaljanza fis-settur marittimu hija waħda twila li tirrikjedi sforz kollettiv tal-gvernijiet, l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-industrija privata. Tant illi madwar 2% biss tal-baħħara madwar id-dinja huma nisa.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Dalli qalet li ma hemm l-ebda raġuni valida għall-esklużjoni tan-nisa, għajr għal strutturi patrijarki arkajki, f’settur daqstant importanti li sa issa kien dejjem iddominat mill-irġiel. Biex nindirizzaw dan l-iżbilanċ, irridu nħeġġu aktar u aktar bniet jgħażlu suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
Waqt li rreferiet għall-Kaptan Laura Falzon bħala eżempju tajjeb, il-Ministru Dalli tkellmet dwar il-bżonn li nagħtu aktar viżibilità lin-nisa li jaħdmu fis-settur marittimu biex dawn jaqsmu l-esperjenzi tagħhom waqt li jservu ta ispirazzjoni għal ħaddieħor.
Dan kollu waqt li nikkonsolidaw u nibnu fuq il-ħidma li qed issir mill-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali, l-Organizazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Unjoni Ewropea flimkien mal-gvernijiet rispettivi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-aċċess ugwali fis-settur marittimu, temmet il-Ministru Dalli.