Fuq il-baħar kun prudenti. Din hija t-tema tal-kampanja edukattiva li Transport Malta nediet biex tippromwovi mġiba responsabbli u sigura fuq il-bajjiet Maltin. Fit-tnedija tal-kampanja, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li ġew identifikati ħamsin bajja jew żona għall-għawm f’Malta li ġew immarkati b’sinjali apposta fosthom bagi biex jidħlu fihom biss l-għawwiema waqt li d-dgħajjes jibqgħu ‘l barra minnhom.
Il-Manager għall-Infurzar Marittimu Patrick Pollacco qal li sidien ta’ opri tal-baħar huma obbligati jħarsu l-limiti tal-veloċità fil-portijiet, li ħafna minnhom ikunu wkoll mimlija għawwiema. Dan filwaqt li kull sid ta’ xi opra tal-baħar għandu l-obbliku li jirrispetta d-distanzi waqt li jkun qed ibaħħar. Fakkar li fil-portijiet wieħed ma jistax jaqbeż veloċità ta’ 10Knots, anke anqas skont l-inħawi tal-port. Dan fiwaqt li sidien ta’ dgħajjes kbar li jiltqgħu ma’ opri iżgħar waqt li qed ibaħħru, huma obbligati jnaqqsu l-veloċita biex ma ssirx ħsara lill-opra ż-żgħira, u ma jkunx hemm periklu għal min hemm abbord.
Il-Ministru Borg qal li matul is-sena li għaddiet l-uffiċjal tal-awtorità għamlu aktar minn 1,000 spezzjoni fuq il-baħar u ħarġu aktar minn 200 twissija u 200 akkuża amministrattiva u aktar minn 400 ċitazzjoni. Qal ukoll li saru aktar minn 1,000 spezzjoni oħra fuq dgħajjes kummerċjali fil-Blue Lagoon f’Kemmuna.