Immigranti irregolari, klandestini, refuġjati…kollha smajnihom fuq il-mezzi tax-xandir kemm ilu magħna dan il-fenomenu. Drajna wkoll nisimgħu dwar dawk li jfittxu l-ażil, dawk li applikaw għalih, dawk li għandhom status ta’ refuġjat – insomma termini relattivament ġodda hemm kemm trid.
Kultant aħna stess nitħawdu. Tant li l-Awtorità tax-Xandir organizzat seminar ta’ ġurnata dwar it-terminoloġija li wieħed għandu juża, skont il-European Migration Network. Dan huwa seminar għall-mezzi tax-xandir, biex il-kliem użat fuq ir-radju, televiżjoni u gazzetti jkun kliem korrett u xieraq.
In-Network Ewropea ħejjiet glossarju ta’ kliem li għandu jintuża, ibbażat fuq diversi sorsi iżda l-aktar fuq leġiżlazzjoni Ewropea. Il-kliem fil-glossarju tista’ ssibu wkoll bil-Malti. Il-Professur Anthonu Aquilina mill-Università ta’ Malta se jkun qed jitkellem dwar it-terminoloġija filwaqt li Adriel Vella mill-Awtorità tax-Xandir se jkun qed jippreżenta eżempji prattiċi ta’ kif għandha tintuża l-lingwa f’suġġetti li jitrattaw il-migrazzjoni u l-ażil.