Nistgħu niżvelaw dettal ieħor li jkompli juri kemm id-‘deal elettorali’ li għamel l-eks Ministru Chris Said b’rabta ma’ art fin-Naxxar kien wieħed li ma messu qatt sar.
Jirriżulta li talba oħra, bieb u għatba, biex art tgħaddi lura għand il-privat kienet irrifjutata tant li l-Awtorita’ tad-Djar baqgħet għaddeja bil-proġett li kellha maħsub u fil-fatt sar.
Saħansitra l-persuna li kellha t-talba tagħha rrifjutata mill-Awtorita tad-Djar marret għand l-Ombudsman u dan ma tax ir-raġun għax argumenta li l-Awtorita tad-Djar kellha skop soċjali għal dan il-proġett. B’dawn id-dokumenti f’idejna nistgħu nikkonferma kif id-deal elettorali kien ukoll wieħed imbażwar. Tant li t-tweġibiet li ngħataw sa issa minn Chris Said u l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tad-Djar qed jinġiebu fix-xejn mit-tagħrif li għandna mill-Awtorita tad-Djar.
Fost oħrajn, biex jiddefendi d-‘deal’ elettorali lejliet elezzjoni ġenerali b’rabta ma’ art fin-Naxxar, l-eks Ministru Chris Said qal li l-Awtorita tad-Djar ma kinetx interessata li tibni iktar proprjeta.
40 PERMESS IGIDDBUH
Skont hu din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex l-art li fuqha kien hemm proġett ta’ housing soċjali ingħatat lill-privat fil-bidu tal-2013.
Iżda, minn tagħrif li kiseb ONE NEWS jirriżulta li kien hemm 40 sit tal-‘housing’ li kellhom permess validu mill-Awtorita tal-Ambjent u l-Ippjanar biex fuqhom isir żvilupp. Permessi li kollha kienu validi sad-disgħa ta’ Marzu 2013, il-jum li fih inbidlet l-amministrazzjoni.
Iktar minn hekk jirriżulta li numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet u tiġdid ta’ permessi kienu ffirmat minn Albert Buttigieg, l-eks Kap Eżekuttiv tal-awtorita li ma’ Chris Said iffirma l-approvazzjoni biex l-art tingħadda lill-privat. Buttigieg li llum huwa kandidat nazzjonalista, ukoll ġab l-istess skuża ta’ Said, bil-fatt li għandna f’idejna juru li fuq kollox din hija skuża li ma treġiex.
Is-sorsi tagħna jikkonfermaw fl-aħħar jiem li l-uniċi drabi fejn l-Awtorita tad-Djar titlaq art minn idejha hi meta din issir green area u għalhekk ma jkunx baqa’ skop għaliex tibqa’ għand l-awtorita. “U d-dokumenti li naraw ta’ spiss juru li l-affarijiet ma kienux isiru kif għamilhom Chris Said lejliet elezzjoni ġenerali. Hemm ċerti proċeduri li jkunu segwieti li f’dan il-każ ma sarux,” qalu s-sorsi tagħna.
Kien il-ġurnal KullĦadd li fl-aħħar ġimgħat żvela kif talba li kienet ilha tkun irrifjutata bosta snin kienet milqugħa mal-bidu ta’ kampanja elettorali. Bil-kuntratt bejn id-dipartiment tal-artijiet u l-privat isir proprju fis-7 ta’ Marzu 2013, 48 siegħa qabel l-elezzjoni ġenerali.