Bħala parti mill-ġimgħa ddedikata għas-servizz pubbliku s-siti storiċi u l-mużewijiet li huma f’idejn il-ħarsien ta’ Heritage Malta nfetħu b’xejn għal pubbliku. Warajja dan il-vaxxell tas-seklu tmintax laqat ħafna l-interess ta’ dawk preżenti li żaru dan il-mużew marittimu. Dan il-vaxxell kien jintuża bħala parti mill-edukazzjoni marittima li kienet tagħti l-Ordni ta’ San Ġwann lill-istudenti li jixtiequ jaqbdu karriera fuq il-baħar.
Il-mużew marittimu ġibed lejh l-attenzjoni ta’ bosta li żaru l-belt storika tal-Birgu.
Min jara xi dettal ta’ xi mappa jew mudell ta’ opra tal-baħar ta’ żmien l-Ordni u min jistagħġeb bil-kilba li kellhom il-Kavallieri u l-Maltin biex jaqilgħu x’jieklu mis-sibi.
Bla dubju ma naqsitx il-paċenzja u d-dedikazzjoni tal-gwidi ta’ Heritage Malta li fost l-interess qawwi tal-Maltin u xi turisti spjegaw l-istorja marbuta ma’ dan il-mużew.
Dawk li tkellmu magħna qalulna li kienu għadhom ġejjin mill-Forti Sant’Anġlu, sit ieħor taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta.
Fuq kollox spikkaw kummenti favur l-għożża tal-istorja ta’ pajjiżna.
Il-mużew marittimu kien biss wieħed mis-siti li Heritage Malta fetħet għal din l-okkażjoni.
Dan is-sit storiku li hawn warajja huwa magħruf bħala t-tempju ta’ Kordin, wieħed mit-tempji wkoll qiegħed f’idejn il-ħarsien ta’ Heritage Malta u ġeneralment ma jkunx miftuħ għall-pubbliku jekk mhux b’appuntament. Interessanti l-fatt li dan is-sit storiku, din il-biċċa ta’ art kienet proprjetá ta’ missier l-istorja ta’ Malta, jiġifieri Ġian Franġisk Abela.
It-tempji megalitiċi ta’ Kordin imorru lura għal kważi sitt elef sena.
Maġenb dan is-sit kien hemm żewġ tempji oħra li sfortunatament inqerdu maż-żmien.
Raġel li ta’ spiss kien jgħaddi minn dawn in-naħat qalilna wkoll kif l-istorja ta’ Malta hija imprezzabbli.