Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, bdew proċess ta’ konsultazzjoni dwar emendi proposti għall-Avviż Legali 88 tal-2018 li jitratta l-Ħtiġijiet Minimi ta’ Saħħa u Sigurtà għal Xogħol f’Siti ta’ Kostruzzjoni.
Permezz tal-emendi proposti, superviżuri ta’ proġetti se jingħataw is-setgħat kollha meħtieġa f’siti ta’ kostruzzjoni taħt il-kontroll tagħhom biex ikunu jistgħu jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom. Dawn ir-responsabbiltajiet qed jiġu ċċarati wkoll fl-Avviż Legali propost.
Qed tiżdied klawsola ġdida ta’ non-responsabbiltà sabiex l-ebda azzjoni ċivili jew proċeduri oħra għad-danni ma jkunu jistgħu jinbdew minn detenturi ta’ dmirijiet kontra s-superviżur tal-proġett għal xi att li jkun sar skont ir-regolamenti, sakemm is-superviżur tal-proġett ma jkunx aġixxa b’mod negliġenti.
Barra minn hekk, l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-kuntratturi, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema se jkunu spjegati f’aktar dettall biex ikun hemm aktar ċarezza dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom.
Kopja tal-abbozz tar-regolamenti tista’ titniżżel mis-sit tal-internet tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) mil-link: https://www.ohsa.mt/consultation.
Kull persuna jew entità li tixtieq tgħaddi xi kummenti dwar ir-regoli li qed jiġu proposti hija mistiedna tagħmel dan billi tikkuntattja lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).
Ritratt: letsbuild.com