Sena ġdida reġgħet bdiet b’ritmu tajjeb għall-aġenti tal-proprjeta. Tant li l-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-kumpanija Remax irreġistrat żieda ta’ 73% fil-bejgħ tal-proprjetà.
Dan fl-istess waqt li tul l-aħħar 18-il xahar żdied l-interess fil-propjeta’ kummerċjali. F’artiklu fil-pubblikazzjoni Il-Bizzilla , il-Kap Eżekuttiv ta’ Remax spjega kif kemm il-barrannin u l-Maltin qed jinvestu fi spazji diversi. Fosthom spazji li faċilment jinbidlu f’uffiċini.
Dan se jwassal biex f’kull parti ta’ pajjiżna naraw proġetti b’iżjed minn għan wiehed li se jwasslu biex ilaħqu mad-domanda kummerċjali fuq livell internazzjonali. Dan hu kunċett pjuttost ġdid li qed jara l-qasam tal-propjeta’ f’pajjiżna. Xi ħaġa li fi kliem Remax jirrifletti l-andament ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna, andament li qed ibiddel lill-pajjiż f’ċentru ideali fejn wieħed jista’ jmexxi negozju.
Iżda x’wassal għaż-żieda fid-domanda tal-propjetà? Fost oħrajn l-ambjent ta’ flessibilità, permezz ta’ inċentivi li nieda l-Gvern f’dan il-qasam, bħall-iskema tal-first time buyers li giet estiża fil-budget ta’ din is-sena. Hemm il-ħidma biex tkun indirizzata l-isfida ta’ propjetà vojta kif ukoll bidliet fil-liġi li se jwasslu biex tiżdied il-varjeta tal-propjetajiet fis-suq. Ma’ dawn hemm ukoll il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.