Beda uffiċjalment il-proġett ta’ restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun, kappella b’għeruq medjevali li kienet il-knisja prinċipali ta’ Ħal Bisbut.
Ix-xogħlijiet qed jitwettqu mid-Direttorat tar-Restawr u Preservazzjoni bħala parti minn skema għal kunsilli lokali, wara li ngħatat l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-proġett se jippreserva l-arkitettura u s-simboliżmu reliġjuż tal-kappella għal ġenerazzjonijiet futuri. Il-perit Gregorio Giubilaro kompla billi spjega li x-xogħlijiet jinkludu t-tneħħija ta’ kisi ta’ siment, restawr tal-faċċata u konservazzjoni tal-aperturi tal-injam.
Il-kappella, mibnija fl-1692 fuq strutturi ta’ qabel l-1575, tinsab fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana u hija skedata fl-Inventarju tal-Patrimonju Kulturali. Għal din iż-żjara kienu preżenti l-Arċipriet Anton Galea-Scannura, is-Sindku Joan Agius u membri tal-Kunsill Lokali.