F’diskussjoni bit-tema ‘Niċċelebraw l-irwol tal-Omm’, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela tkellmet dwar l-irwol tal-omm u l-importanza li jsiru l-bidliet meħtieġa biex jilqgħu għar-realtajiet tal-lum.
Hija rrimarkat kif l-omm illum tmur lil hinn mill-omm tradizzjonali, iżda tibqa’ dejjem tirrifletti l-valuri tal-imħabba, tar-responsabbiltà, tar-rispett u tal-ħarsien.
Waqt id-diskussjoni tkellmu diversi personalitajiet dwar esperjenzi differenti, fosthom professjonisti fil-qasam tas-saħħa, edukaturi, foster parents, sidien ta’ negozji u ġenituri ta’ tfal b’diżabilità.
Dr Lydia Abela semgħet l-esperjenzi rrakkontati u filwaqt li saħqet dwar kemm l-ommijiet għandhom x’jagħtu lis-soċjetà, sellmet lill-ommijiet kollha li ħallew marka pożittiva fuq in-nies.
Hija temmet issostni l-importanza tad-diskussjoni ħajja, li hija kruċjali biex jibqgħu jiġu xprunati bidliet importanti fis-soċjetà.