Malta huwa wieħed minn ħames pajjiżi li jissemmew f’rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-miżuri li ħadu biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà.
Fir-rapport annwali li jkun ippubblikat kull sena saret referenza għall-mod kif il-Gvern qiegħed jadotta l-leġiżlazzjoni li tassigura iktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Jissemma l-organu nazzjonali għall-ugwaljanza.
Meta r-rapport jitkellem fuq diżabbiltà jsemmi wkoll lil Malta bħala eżempju ta’ kif wieħed jista’ jdaħħal iktar lill-persuni b’diżabbilta fil-proċess ta’ deċiżjoni. Dan billi saru numru ta’ emendi li jipprovdu biex persuni b’diżabbiltà jpoġġu fuq bordijiet pubbliċi.
Ngħidu aħna, l-Att dwar l-Awtorità tad-Djar kien emendat biex minn 11 –il membru tal-awtorità jkun emendat b’mod li jkun persuna b’diżabbiltà. L-istess għal wieħed mis-seba’ għal għaxar membri tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla.
Iżda, din mhix l-uniku miżura tal-gvern li tissemma b’mod pożittiv. Ir-rapport jinnota kif il-gvern nieda ‘allowance’ supplimentari għal tfal minn familji foqra. Allowance li diġà kien jeżisti f’pajjiżi oħra u żdied.
L-isfida immigrazzjoni
Intant, kif mistenni ddominat dan ir-rapport il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Dan f’sena fejn iktar minn miljun persuna fittxet refuġju fl-Ewropa. Dan ifisser ħames darbiet iktar mis-sena ta’ qabel.
Michael O Flaherty qal li s-sena li għaddiet id-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea ffaċċjaw sfida mhix żgħira. “L-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha jridu jżommu sod biex jiddefendu d-drittijiet li finalment kulħadd għandu dritt għalihom, kemm jekk għexux fl-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet jew jekk għadhomx kif waslu issa,” qal O’ Flaherty.
Intqal li fiċ-ċrikostanzi kienet esperjenzata żieda fl-inċidenti xenofobiċi u razzisti, bil-Musulmani u l-Lhud l-iktar milquta.
Intqal ukoll kif l-attakki terroristiċi komplew iżidu l-isfida tal-bilanċ bejn il-ġbir ta’ informazzjoni u l-privatezza, filwaqt li tinżamm sigurtà interna. “Numru ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jinsabu fil-proċess li jirriformaw il-qafas legali għal sistemi ta’ intelliġenza, li potenzjalment jistgħu iżidu s-saħħa ta’ indħil ta’ ċerti servizzi,” jinnota r-rapport.
Ir-rapport sħiħ hawn taħt:
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/05/Fundamental-Rights.pdf”]