Mis-sena d-dieħla, fiċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel tqarbina u f’kull parroċċa f’Malta, it-tfal se jkunu quddiem u l-ġenituri wara. Din hija xi ħaġa li diġa’ tiġri f’numru ta’ paroċċi għalkemm dawn huma f’minoranza u b’deċiżjoni tal-Arċisqof Charles Scicluna mis-sena d-dieħla din se ssir f’kull paroċċa madwar il-pajjiż.
Imkejjen viċin il-Kurja kkonfermaw kif din hi deċiżjoni li ntlaqgħet tajjeb ħafna, anke fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ familji li għaddew minn separazzjoni u li xi minn daqqiet għalihom din l-okkażjoni għalihom tfisser kunflitt. Għalkemm kien hemm ukoll numru ta’ kappillani li d-deċiżjoni xejn ma ħadu gost biha u argumentaw li l-istil tradizzjonali fejn il-ġenituri jpoġġu ma’ uliedhom huwa wieħed sabiħ u li m’għandux jinbidel.
Intant, li d-deċiżjoni ttieħdet ikkonfermah kelliem għall-Kurja ma’ one.com.mt.
“Fil-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kappillani tal-Erbgħa l-1 ta’ Ġunju 2016, Mons. Arċisqof ikkomunika d-deċiżjoni tiegħu li fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina, it-tfal ikunu miġburin flimkien fuq quddiem fil-knisja; il-ġenituri u l-qraba jkunu f’post ieħor fil-knisja, mhux ħdejn it-tfal. Waqt it-tqarbin, it-tfal jitqarbnu l-ewwel huma; imbagħad wara li jitqarbnu kollha, jitqarbnu dawk preżenti fil-kongregazzjoni,” qal il-kelliem.
Fisser kif l-iskop hu li billi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina hi l-festa tat-tfal, dawn jingħataw prijorità u jkunu fuq quddiem. It-tfal ikunu jistgħu jsegwu aħjar u ċ-ċelebrant ikun jista’ jikkomunika aħjar magħhom.
Ma naqasx ukoll messaġġ lejn il-ġenituri.
“L-Arċisqof jifhem ix-xewqa ta’ diversi ġenituri li jkunu qrib uliedhom fiċ-ċelebrazzjoni. Għalhekk ta’ min wieħed iħeġġeġ lill-ġenituri li mill-għada tal-Ewwel Tqarbina, jakkumpanjaw lit-tfal b’mod regolari waqt il-quddiesa,” qalilna l-kelliem tal-Kurja.
Din id-deċiżjoni tapplika mill-bidu tal-2017 għal kull parroċċa u għal kull fejn issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.