Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, ippropona miżura ġdida biex issaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-forzi dixxiplinati.
F’każ li membru mill-forzi dixxiplinati jkorri gravi mingħajr ħtija tiegħu waqt il-qadi tad-dmirijiet u, ma jkunx jista’ jaħdem iktar u ma jilħaqx il-25 sena servizz, qed ikun propost li jieħu l-pensjoni daqs li kieku għamel 25 sena servizz.
Qabel, il-pensjoni f’dawn il-każijiet kienet tiġi kkalkulata abbażi ta’ rata inqas mill-pensjoni sħiħa. Bil-mod kif inhi proposta l-liġi l-ġdida, tagħti ħlas sħiħ.
F’każ ta mewt waqt il-qadi tad-dmirijiet, id-dipendenti jkunu intitolati għal pensjoni. Id-dipendenti jiġu l-konjugi, is-sieħeb jew sieħba, tfal sa 18-il sena jew inkella 23 sena, jekk ikunu studenti.
Il-Ministru Abela fakkar li oriġinarjament din il-proposta elettorali kienet imwegħda għall-Pulizija u Forzi Armati biss, imma issa se tkun offruta lill-Forzi Dixxiplinati kollha.
Il-Ministru tkellem dwar il-ħidma li qed issir mal-Ministeru tal-Finanzi biex ikun hemm assigurazzjoni iktar b’saħħitha għal membri tal-korpi ddixxiplinati.
Jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu aħjar, is-servizz li jingħata jkun aħjar, temm jgħid il-Ministru.
Ritratt: DOI