Il-Gvern daħħal emendi fil-kompożizzjoni tal-Public Contracts Review Board biex isaħħaħ l-effiċjenza u jaqta’ kull dubju fuq konflitti ta’ interess.
Stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalet li, għalhekk, hu għal kollox falz dak li qed tipprova tpinġi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li l-proċess se jinħakem minn xi ħadd. Anzi bil-kontra, se tkompli tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza.
Ingħad li, taħt is-sistema preċedenti, il-membri sostituti fuq il-bord kienu utilizzati biss f’każi ta’ konflitt ta’ interess, li kien qed ifisser li l-President, il-Viċi President u l-membru wieħed permanenti kienu qed jittrattaw l-maġġoranza tal-każi. F’ċerti istanzi dan kien qed jirriżulta f’dewmien konsiderevoli fil-proċess.
Permezz tal-emendi fil-kompożizzjoni tal-Bord, il-PCRB se jkollu iżjed flessibilità u se jkun attrezzat biex jiskeda u jisma’ aktar każi f’inqas żmien. Dan kollu jikkontribwixxi biex il-bord ikun iżjed effiċjenti. Il-proċess tal-ħatra tal-membri fuq il-PCRB se jibqa’ kif kien qabel.
Minbarra hekk, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, it-tibdil li sar, speċjalment fil-ħatra ta’ membri ġodda fil-bord, huma ntiżi biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta’ interess. Dan it-tibdil qed isir b’konformità assoluta ma’ sentenza tal-Qorti.