Għal Jum il-Mara, il-Gvern ħabbar bidliet fil-liġi li grazzi għal din il-bidla se jkunu qed jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi. Fost il-miżuri, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet tkellmet dwar kif koppja miżżewġa se tingħata ċ-ċans li t-taxxa tkun tista’ tinħadem separatament.
Miżura oħra hi li familja se tingħata l-possibiltà li tagħżel il-kunjom tal-familja, it-tielet miżura se tkun qed tħares lejn il-ħlas dovut lill-xhieda u bidla oħra se tkun qed isir fil-liġi tal-prokura.
Dalli tkellmet dwar kif koppja miżżewġa se tingħata ċ-ċans li tiddeċiedi li t-taxxa tagħhom tkun maħduma separatament se jkunu qed jingħataw dan iċ-ċans biex jagħmlu propju dan, billi jingħataw formola tat-taxxa separata.
Hi spjegat kif bħalissa qed ikun hemm każijiet fejn eżempju mara tkun trid tieħu xi flus lura ta’ taxxa żejda li tkun ħalset, u għalkemm il-flus ikunu dovuti lilha, iċ-ċekk joħroġ fuq isem ir-raġel iżda dan ma jkunx il-każ jekk bis-saħħa ta’ din il-proposta l-mara tkun imliet formola tat-taxxa għaliha personali.
Filwaqt li din il-miżura jaf ikollha impatt fuq is-sistema minħabba li dejjem kien hemm il-kunċett ta’ familja, dan ma jfissirx li għandna nibqgħu b’sistema li ġiet imfassla snin ilu iżda bħala pajjiż irridu niżguraw id-drittijiet fundamentali ta’ kull individwu.
Miżura oħra li ġiet proposta hi li jiġi rregolat il-ħlas dovut lil persuni li jiġu msejħa biex jixhdu fejn qabel jekk tkun mara miżżewġa l-ħlas dovut jiġi bbażat fuq l-istatus ta’ żewġha u jekk tkun għadha xebba l-ħlas jiġi bbażat fuq l-istatus tal-ġenituri tagħha. Il-Ministru sostniet li din il-miżura se tkun qed tbiddel id-diskriminazzjoni li hemm fuq bażi ta’ sess.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar kif kull familja se tkun qed tingħata ċ-ċans li tagħżel il-kunjom tal-familja, fejn se jingħata d-dritt li l-koppji jiddeċiedu huma liema kunjom jixtiequ li jkollhom huma u kif ukoll it-tfal.
Miżura oħra li tkellmet dwarha l-Ministru Dalli kienet bidla bidla fil-liġi dwar il-prokura. Dan peress li fil-maġġoranza tal-każi hija l-mara li tagħti prokura lir-raġel tagħha se tiġi mibdula l-liġi biex din il-prokura tkun valida għal sentejn biss, bil-possibilita’ li tkun tista’ tiġi mġedda għal perjodi oħra ta’ sentejn.
Il-Mistru Dalli temmet tgħid li bħalissa għaddejjin il-preparamenti mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar l-emendi legali. Għaddejjin ukoll id-diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi dwar it-tibdil meħtieġ dwar il-formoli tat-taxxa biex jiġi evalwat kif l-aħjar tkun implimentata din il-miżura bl-anqas impatt fuq is-sistema preżenti.