Il-Parlament Malti se jibda jiddiskuti bidliet rivoluzzjonarji maħsuba biex jassiguraw ugwaljanza f’kull qasam tal-ħajja, fost l-oħrajn bit-twaqqif ta’ Kummissjoni ġdida għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis mistenni jippreżenta żewġ abbozzi bil-għan li tisaħħaħ il-liġi Maltija fis-settur tal-ugwaljanza filwaqt li jiġi provdut ħarsien legali għall-vittmi tad-diskriminazzjoni.
Bi trasparenza, il-Kummissarju li se jmexxi din il-kummissjoni ta’ tmien membri se jintagħżel wara konsultazzjoni pubblika, u n-nomini kollha se jiġu skrutinizzati mill-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi tal-Parlament.
Il-Kummissjoni se jkollha ħarsien Konstituzzjonali u se taqà taħt il-Parlament biex tkun assigurata awtonomija sħiħa.
Il-Kummisjoni se taħdem kontra d-diskrimazzjoni f’kull livell tal-ħajja billi tiprovdi rimedji lil dawk li b’xi mod jew ieħor jiġu diskriminati.
Fost l-oqsma li se jiġu indirizzati hemm il-fastidju, in-nuqqas ta’ proviżjoni ta’ akkomodazzjoni raġonevoli u l-kliem jew imġiba ta’ mibegħda.
Mal-gazzetta KullĦadd, il-Ministru għall-ugwaljanza Edward Zamiit Lewis qal li bħal ma diġa sar tul dawn l-aħħar snin, pajjiżna qed jaqbeż l-istandards Ewropej u Internazzjonali fil-qasam filwaqt li tenna kif il-prijorità ewlenija hija dik li titjieb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd b’iktar ugwaljanza f’kull aspett.