L-Enemalta dieħla għal fażi oħra tal-proġett ta’ €1.6 miljun biex tbiddel il-cables ta’ vultaġġ li jwasslu l-elettriku għal Għawdex. Dan ifisser li l-ġimgħa d-dieħla se jkompli xogħol fi Triq Louis Wettinger il-Mellieħa, magħruf aħjar bħala l-Bypass tal-Mellieħa. B’hekk se jkun hemm bidliet fid-direzzjoni tat-traffiku kif indikat fil-mappa mal-artiklu.
Filwaqt li dawk li se jkunu neżlin mill-bypass mhux se jkunu milquta dawk li se jkunu telgħin iridu jsegwu direzzjonijiet tat-traffiku ġodda. Ix-xogħol se jkun wieqaf fi żmien Santa Marija u l-festa tal-Mellieħa.
Il-ħidma li qed issir se twassal biex l-Enemalta biex tqiegħed medda ta’ 10 kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ għoli fi trinek taħt l-art fil-Mellieħa sabiex tneħħi l-arbli għoljin bil-linji antiki li bħalissa jwasslu l-elettriku f’Għawdex.
Permezz ta’ dan l-investiment il-kumpanija qed ittejjeb l-affidabilità u s-sigurtà tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li tissupplixxi l-gżira Għawdxija.
Il-bdil ta’ din is-sistema ta’ linji mdendlin fuq arbli għoljin ma’ cables taħt il-livell tat-triq inaqqas ir-riskji ta’ ħsarat bil-maltemp u ta’ għadd ta’ diffikultajiet oħra relatati mal-operat, tiswija u manutenzjoni tal-linji fuq l-arbli.
Din il-ħidma se telimina wkoll id-dehra ta’ dawn l-arbli kbar u l-linji għaddejjin minn kilometri ta’ kampanja fil-Mellieħa.