Editorjal tal-gazzetta Maltatoday kompla jixhed fil-beraħ l-apatija u l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista, llum immexxi minn Bernard Grech.
Bit-titlu ‘Letting Bernard Grech sink is not an option’, l-editur tal-Maltatoday fil-fatt isemmi l-firdiet li għadhom jeżistu fil-Partit Nazzjonalista, anki wara li tqaċċat Adrian Delia.
Il-gazzetta ssemmi l-intriċċi marbuta maż-żewġ Viċi Kapijiet Nazzjonalisti u kif rapporti fil-gazzetti wrew li Roberta Metsola beżqet is-sunnara ta’ Bernard Grech meta qalilha biex tkun Viċi Kap Nazzjonalista.
Hawnhekk il-gazzetta qalet li l-fatt li David Agius u Robert Arrigo jridu jibqgħu, b’Bernard Grech ma jimponiex l-awtorità tiegħu ta’ Kap, turi li t-tmexxija ta’ Grech, bħal dik ta’ Delia, għadha qed taffaċċja sfidi interni.
L-editur tal-Maltatoday saħaq ukoll li l-fatt li Delia tqaċċat u sar l-ewwel Kap Nazzjonalista li ma tħalliex imur għall-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista mar għal bidla nofs leħja.
Dan fl-isfond li l-aħħar stħarriġ wera wkoll li b’Bernard Grech fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, il-partit xorta għadu mhux jikseb fiduċja biżżejjed.
Fl-isfond tal-firdiet fil-Partit Nazzjonalista, l-editur tal-Maltatoday jikteb li l-partit għandu jiddeċiedi jridx imur b’Kap imsejjaħ caretaker.
Fil-fatt tul l-editorjal jiġu elenkati aspetti tad-dgħjufija tal-Kap Bernard Grech.
Intant ir-rifjut ta’ Metsola, li tilqa’ t-talba ta’ Bernard Grech tasal ftit tal-jiem wara li Therese Comodini Cachia wkoll għażlet li tabbandunah, dan tant li mhux ser tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Nazzjonalista.
Dan biex wieħed ma jsemmix l-emoraġija ta’ kandidati ġodda li qed isofri Grech u li kull ma jmur qed ikomplu jirtiraw il-kandidatura tagħhom.
Kandidata li rtirat mit-tiġrija qabel saħansitra bdiet kienet Tiffany Abela Wadge.
Hija rtirat il-kandidatura tagħha wara li spjegat li ħassitha fgatha f’partit deskritt bħala negattiv.
Kandidat ieħor Nazzjonalista George Muscat ukoll irriżenja mill-Partit Nazzjonalista u sussegwentament irtira l-kandidatura tiegħu minn kandidat Nazzjonalista fuq is-sitt distrett.