L-Awtorità tal-Ippjanar bidlet il-mod ta’ kif jinħadmu dawk magħrufa bħala Development Notification Orders, li huma każi fejn żvilupp ikun eżenti mill-ħtieġa ta’ applikazzjoni ta’ ippjanar.
Dawn it-tip ta’ żviluppi se jkunu qed jonqsu bil-għan li l-pubbliku jkun involut aħjar f’iktar deċiżjonijiet. Hemm 19–il klassi ta’ żvilupp li huwa permess u dawk li nżammu bħala parti minn din is-sistema huma dawk li m’għandhomx impatt fuq il-kuntest tas-sit jew ir-residenti fil-madwar.
Intant, tneħħew ċerti żviluppi bħal bjar tal-ilma u reservoirs, l-installazzjoni ta’ tankijiet ta’ gass, kantini, żvilupp fi btieħi ta’ wara u anke swimming pools. Minn naħa l-oħra l-installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi u alterazzjonijiet interni, fost oħrajn, inżammu bħala DNOs.
Tneħħiet għal kollox ukoll id-DNO biex wieħed jirriserva art pubblika għal imwejjed u siġġijiet. Fi stqarrija l-Awtorita tal-Ippjanar qalet li din ir-reviżjoni kienet maħsuba biex tneħħi l-prattika li għal ċerti xogħlijiet il-pubbliku mhux parti mill-proċess tal-ippjanar.
Għax il-proċess tad-DNO kif kien seta’ jaħdem tajjeb għall-applikant, iżda mhux għall-pubbliku u ħafna residenti li lanqas kellhom id-dritt ikunu jafu bl-iżvilupp, aħseb u ara joġġezzjonaw għalih.
Ritratt: This is Malta