L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali laqgħet l-aħħar żviluppi, li se jaraw persuni ta’ sittax-il sena jkunu jistgħu jinħatru sindki jew viċi-sindki. Fi stqarrija, hi qalet li temmen li ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur, imma wkoll il-preżent.
L-Assoċjazzjoni nnotat kif dawn iż-żgħażagħ ikunu għaddejjin minn żmien fejn iridu jieħdu deċiżjonijiet importanti fil-ħajja tagħhom u għaldaqstant, hu neċessarju li jkun hemm l-assistenza, l-għajnuna u t-taħriġ kollu meħtieġ biex ikunu jistgħu jaqdu l-obbligi li din il-kariga ġġib magħha, bl-aħjar mod possibbli.
Għal dan il-għan, l-Assoċjazzjoni se tniedi programm ta’ taħriġ intensiv fuq perjodu ta’ tliet snin, kemm għall-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali kif ukoll għall-Kunsilliera u s-Sindki eletti.
L-Assoċjazzjoni temmet tgħid li se tkompli taħdem biex toffri l-assistenza meħtieġa lill-membri eletti kollha, partikolarment Sindki ġodda li jistgħu jiġu eletti b’din l-emenda.
Sadanittant, għal din l-aħbar irreaġixxew ukoll iż-Żgħażagħ Laburisti, li ddeskrivewha bħala bidla kuraġġuża b’fiduċja fiż-żgħażagħ li tirrispetta lill-elettorat.
Fi stqarrija ġie spjegat kif din il-bidla kuraġġuża, tesprimi fiduċja fiż-żgħażagħ, u kif din hi frott il-mixja tal-Vot16 li l-istess Żgħażagħ Laburisti kienu fuq quddiem li mexxew ’il quddiem u kkampanjaw favur dan id-dritt.
“Kulħadd jgħid li ż-żgħażagħ huma l-preżent ta’ dan il-pajjiż, imma issa qed naraw dan bil-fatti”, kompliet tgħid l-istqarrija.