Minn għada l-ħinijiet għal xogħlijiet ta’ twaqqigħ u ta’ skavar se jinbidlu bil-għan li ma jsirx iżjed xogħol ta’ dan it-tip wara l-erbgħa ta’ waranofsinhar.
Dan ifisser li l-ħinijiet se jinbidlu minn kif qegħdin illum, jiġifieri bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-sagħtejn ta’ waranofsinhar u bejn l-erbgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija u jsiru bejn is-sebgħa u nofs ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ waranofsinhar. Dawn il-bidliet se jkunu ppubblikati f’avviż legali.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius, qalu li dan qed isir b’riżultat ta’ eżerċizzju ta’ ħidma kontinwa għal industrija iktar sostenibbli u fil-kuntest tar-riforma fis-settur.
Spjega kif dawn huma azzjonijiet li għandhom isaħħu u mhux idgħajfu l-industrija tal-kostruzzjoni, filwaqt li qed tinstema t-talba tal-familji biex jitnaqqas l-inkonvenjent u l-istorbju fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.
Il-kuntratturi li jagħmlu tali xogħlijiet huma mitluba jikkoperaw fil-mod ta’ kif jorganizzaw il-lantijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom.