Il-President Amerikan Joe Biden u l-President Ċiniż Xi Jinping wissew lil xulxin dwar it-Tajwan.
F’telefonata li kellu Biden mal-President Ċiniż, qal li l-Amerika topponi bil-qawwa kwalunkwe mossa min-naħa taċ-Ċina, li tista’ tkun ta’ theddida għall-istatus tal-gżira. Żied jgħid li l-politika Amerikana dwar it-Tajwan ma nbidlitx.
Min-naħa l-oħra, qed jiġi rrapportat illi Xi Jinping qal lil Biden biex jimxi mal-prinċipju ta’ Ċina waħda u wissih li min jilgħab man-nar, jinħaraq.
It-tensjoni dwar din il-kwistjoni kompliet tiżdied, hekk kif għaddejjin xnihat li l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Amerika, Nancy Pelosi, qed tippjana li żżur it-Tajwan.
Pelosi, li għanda t-tielet l-ogħla kariga fl-Amerika, tkun l-ewwel uffiċjal għoli li tkun żaret il-gżira sa mill-1997. Minkejja li s’issa għad m’hemm xejn ikkonfermat dwar dawn il-pjanijiet, iċ-Ċina wissiet dwar konsegwenzi serji jekk issir din iż-żjara.