Il-President Amerikan Joe Biden mistenni jkollu taħdita mal-President Russu Vladimir Putin għat-tieni darba dan ix-xahar f’attenat ieħor biex jonqsu t-tensjonijiet minħabba l-Ukrajna.
Iż-żewġ mexxejja mistennija jitkellmu permezz ta’ telefonata l-Ħamis filgħaxija.
Uffiċjali fil-White House qalu li ser jiddiskutu s-sigurtà bejn iż-żewġ pajjiżi u s-sitwazzjoni fl-Ewropa.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat ġiet innutata żieda qawwija ta’ suldati mal-fruntieri tal-Ukrajna iżda r-Russja ċaħdet l-għajdut li hemm pjanijiet ta’ invażjoni.
Intqal li t-truppi qegħdin hemm bħala eżerċizzju u li r-Russja għandha dritt li tmexxi lit-truppi tagħha b’mod liberu fil-pajjiż.
Sigħat qabel it-telefonata Putin f’messaġġ li għadda lil Biden qal li huwa konvint li jistgħu jaħdmu flimkien b’rispett u fl-interess tal-pajjiżi rispettivi li jirrappreżentaw.
L-Istati Uniti kkonsultaw ma’ mexxejja Ewropej biex jikkordinaw bejniethom messaġġ wieħed u komuni dwar il-kwistjoni tal-Ukrajna.