Jum wara li tkellmu l-President Amerikan Joe Biden, u l-President Russu, Vladimir Putin, l-ogħla uffiċjal diplomatiku Ċiniż żar Moska, fejn kellu laqgħa ma’ uffiċjali għoljin Russi, qabel ma ltaqa’ wkoll mal-President, Vladimir Putin.
Fil-laqgħa f’Moska ntqal li r-Russja u ċ-Ċina huma kontra l-introduzzjoni ta’ mentalità li tixbaħ lil dik tal-Gwerra Bierda, iżda ċ-Ċina ġiet akkużata mill-Punent li qed tibgħat tagħmir li jista’ jiġi użat bi skop militari lejn ir-Russja.
F’laqgħa bejn Putin u d-diplomatiku Ċiniż, Wang Yi, Putin iddeskriva s-sitwazzjoni internazzjonali bħala waħda diffiċli, u stqarr li huwa qed jistenna li jkollu laqgħa oħra mal-President Ċiniż, Xi Jinping.
Min-naħa tiegħu, Wang Yi qal li r-Russja u ċ-Ċina mhux se jċedu għal pressjonijiet minn pajjiżi terzi.
Intant, il-President Amerikan, Joe Biden, iltaqa’ mad-disa’ pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa li huma parti min-NATO, li huma minn ta’ quddiem fir-rigward tal-għajnuna militari lejn l-Ukrajna.
Biden stqarr li l-Istati Uniti se jkunu qed jiddefendu t-territorju tan-NATO kollu kemm hu.
Il-Polonja u r-Rumanija, flimkien mal-istati Baltiċi, se jkunu qed jippersistu sabiex l-Istati Uniti tagħmel il-preżenza tagħha f’din iż-żona aktar permanenti.
Intant fl-Ukrajna, skattat ġurnata oħra ta’ attakki bil-missili fil-Lvant tal-pajjiż. Il-pajjiż kollu qed jantiċipa żieda fl-attakki, hekk kif joqrob l-ewwel anniversarju tal-invażjoni, fl-24 ta’Frar.