Is-sitwazzjoni fl-elezzjoni Presidenzjali Amerikana għadha bla ebda żblokk hekk kif Joe Biden għadu qed jistenna li jilħaq in-numru mitejn u sebgħin tal-eletturi u b’hekk jiġi elett President tal-Istati Uniti.
Biden qiegħed f’pożizzjoni komda aktar u jista’ jitlef l-istat ta’ Pennysylvania u anki Georgia, fejn jidher li naqqas id-distakk iżda xorta joħroġ rebbieħ billi jirbaħ Nevada u Arizona.
F’dawn tal-aħħar, Biden għandu maġġoranza fejn f’Arizona għandu maġġoranza komda.
Fl-aħħar sigħat, f’Pennysylvania u Georgia, Biden naqqas id-distakk u qed jiġi rappurtat li f’Pennysylvania jista’ jiġi ras imb ras ma’ Trump u saħansitra jegħlbu.
F’Georgia, id-distakk bejn iż-żewġ kandidati huwa biss ta’ erbatax-il elf vot.
Dan meta f’Georgia, Trump kien mistenni li jagħmel rebħa kbira.
Il-kampanja ta’ Trump bdiet battalji legali f’ħames stati u tgħid li seħħew irregolaritajiet.
L-istati inkwistjoni huma Nevada, Wisconsin, Georgia, Pennsylvania u Michigan.
Barra ċertu postijiet tal-votazzjoni spikkaw protesti min-naħa ta’ partitarji favur Trump filwaqt li fi New York saru protesti favur Biden u talbu biex jingħadd kull vot.
Din l-inċertezza qed tqajjem iżjed il-biża’ ta’ inkwiet iżda Joe Biden jinsab fiduċjuż li dalwaqt se jkun dikjarat ir-rebbieħ u jokkupa l-ogħla kariga fil-White House.
Hu qal, “We are not enemies. What bring us together as Americans is so much stronger than anything that can tear us apart. So let me be clear I, we’re campaigning as a Democrat but I will govern as an American President.”