Il-President Amerikan Joe Biden ħabbar miżuri ġodda b’rabta mal-kontroll tal-imxija fl-Istati Uniti; fosthom li ħaddiema f’kumpaniji kbar ikunu mlaqqma kontra l-COVID-19 jew inkella jkollhom jagħmlu test kull ġimgħa.
Biden ħabbar dawn il-miżuri f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis fil-White House.
Huwa ordna lid-Dipartiment tax-Xogħol Amerikan sabiex jitlob lin-negozji privati li għandhom ‘il fuq minn 100 impjegat sabiex jordnaw lill-ħaddiema tagħhom jitlaqqmu jew inkella jipprovdu test negattiv kull ġimgħa.
Din l-ordni se tkun qed taffetwa madwar 80 miljun ħaddiem fl-Amerika.
Dawn il-miżuri tħabbru minn Biden fost pressjoni li qed jaffaċċja biex jikontrolla ż-żieda fl-infezzjonijiet, hekk kif il-varjant Delta qed iħalli impatt fuq is-sistema tas-saħħa fl-Amerika, fejn saħħansitra l-isptarijiet qed joperaw b’kapaċità massima.
Il-President Amerikan tenna li din l-ordni daħlet fis-seħħ għall-protezzjoni ta’ kull individwu.