Il-President Amerikan Joe Biden innomina lil Lisa Franchetti bħala l-mexxejja tal-Qawwa Navali tal-Istati Uniti.
B’hekk din se tkun l-ewwel mara fl-istorja Amerikana mhux biss li se tkun qed tmexxi l-Qawwa Navali iżda wkoll li tkun qed tmexxi xi branka ta’ servizz militari tal-Pentagon.
Franchetti kienet tmexxi s-Sitt Flotta tal-Istati Uniti u l-Qawwa Navali Amerikana fil-Korea t’Isfel fost il-karigi li okkupat tul il-karriera tagħha.
Din in-nomina għad trid tiġi kkonfermata mis-Senat Amerikan.