F’konferneza tal-aħbarijiet, il-President Amerikan Joe Biden qal li qed jitħaffef l-operat tal-evakwazzjoni tan-nies mill-Afganistan mit-truppi Amerikani.
Fl-aħħar ġimgħa rajna bosta ċittadini minn numru ta’ pajjiżi jitilqu mill-Afganistan, kif ukoll xeni ta’ Afgani li jagħmlu minn kollox f’tentattiv iddisprat biex jaħarbu mill-kmand tat-Taliban.
Fl-istess konferenza Biden tenna li matul il-ġimgħat li għaddew l-Amerika evakwat kważi 28,000 persuna.
Madankollu, il-President Amerikan qed jaffaċċja pressjoni kbira sabiex l-evakwazzjoni tibqa’ sejra lil hinn mill-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Infatti, l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson mistenni jagħmel talba lil Joe Biden biex iżomm it-truppi tiegħu fl-Afganistan wara l-31 ta’ Awwissu, id-data ta’ skadenza tal-evakwazzjoni kompleta tat-truppi Amerikani mill-pajjiż, li llum huwa mmexxi mit-Taliban.
Johnson se jkun qed jagħmel din it-talba waqt laqgħa ta’ emerġenza tal-G7 li ssejħet b’urġenza u li se ssir għada, it-Tlieta.
Biden tenna li qed isiru diskussjonijiet sabiex tiġġedded id-data, madankollu huwa baqa’ jisħaq li qed jittama li dan ma jkunx il-każ.
Uffiċjali għall-Gvern Ingliż ikkonfermaw li huma m’għandhomx data fissa ta’ meta se jirtiraw mill-Afganistan, iżda hemm il-biża’ li mingħajr it-truppi Amerikani, l-alleati kollha li jibqgħu fl-Afganistan wara ma jkollhomx biżejjed forza sabiex jassiguraw l-inħawi tal-ajruport.
Bħalissa, ir-Renju Unit għandu mal-1,000 suldat f’Kabul.