Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden wissa’ lill-President Russu Vladimir Putin, li jekk ir-Russja tinvadi l-Ukrajna, se jkun hemm il-konsegwenzi.
Dan intqal waqt telefonata ta’ madwar siegħa li ż-żewġ mexxejja kellhom is-Sibt.
Kelliem għall-Gvern Amerikan qal li t-telefonata kienet waħda professjonali, iżda ma waslet għall-ebda riżultat.
Intqal kif il-President Amerikan qal lil-President Russu, li l-Amerka lesta biex tieħu t-triq tad-diplomazija jew inkella lesta biex tmur lejn toroq oħra.
Intant, is-Sibt il-President Putin kellu telefonata ta’ siegħa u erbgħin minuta mal-President Franċiż Emmanuel Macron.
F’din it-telefonata ntqal li bit-tensjonijiet kif inhuma bħalissa, ma jistax ikun hemm negozjati, bejn iż-żewġ naħat.
Dawn it-telefonati saru l-għada li l-Amerka qalet li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna tista’ tiġri minn ħin għal ieħor.