Il-President Amerikan Donald Trump qed iħeġġeġ lill-istati biex jevitaw milli jagħmlu lockdowns iżda r-rivali tiegħu, il-kandidat demokratiku Joe Biden qal li l-pandemija ma tistax tiġi mwaqqfa b’kemm tagħfas buttuna.
Trump għadu għaddej biż-żjarat tiegħu f’diversi stati u saħansitra qed jirredikola l-ilbies tal-maskra. Għall-kuntlarju, fil-jum tal-Erbgħa l-Kap tal-Istitut Nazzjonali għall-Mard Infettiv fl-Istati Uniti Dr. Anthony Fauci qal li n-nuqqas ta’ lbies tal-maskri u ż-żamma tad-distanza soċjali potenzjalment tista’ twassal għal żieda ta’ infezzjonijiet fl-Amerika.
Biden ikkritika lil Trump għal mod kif qed jimmaniġja s-sitwazzjoni tal-coronavirus fl-Amerika, tant li qal li dan huwa insult lejn il-vittmi tal-virus.
Intant, ftit jiem qabel il-votazzjoni, Biden għadu jgawdi l-vantaġġ fuq Trump, iżda dan il-vantaġġ bejn iż-żewġ kandidati naqas fi stati li tradizzjonalment il-voti jistgħu jmorru fuq kwalunkwe naħa u li għalhekk ikunu huma li jiddeċiedu liema kandidat jokkupa l-ogħla kariga fl-Amerika.